Watch – Contemporary Architecture in Malta … għall-ewwel darba ktieb imniedi fil-Kamra tad-Deputati

It-tnedija tal-ktieb ‘Contemporary Architecture in Malta’ pubblikat minn Kite Group saret fil-Kamra tad-Deputati u ġiet prededuta mill-Ispeaker l-Onor. Anġlu Farrugia t-Tlieta 4 ta’ Ottubru 2016.

 

Din kienet l-ewwel darba li ktieb ġie mniedi fil-Kamra tad-Deputati. Contemporary Architecutre in Malta miktub mill-Professur Conrad Thake jiġbor fih 15-il proġett differenti li saru fl-aħħar snin u li jiddistingwu ruħhom għall-kreattivita’. Il-ktieb jinkludi feature estensiv dwar il-proġett tad-daħla tal-Belt u l-Parlament mill-arkitett Renzo Piano, li pprovda wkoll disinji u sketches għal dan il-ktieb. Għall-ewwel darba qed tiġi pubblikata wkoll impromptu sketch li għamel Renzo Piano għad-daħla tal-Belt.

 

Il-Professur Joe Friggieri tkellem dwar il-kontribut il-ktieb u l-artikettura b’enfasi fuq il-forma u l-funzjoni. Hu qal li “l-proġetti magħżula minn Conrad Thake biex jagħmlu parti minn dan il-ktieb huma kollha kemm huma eżempji ta’ arkitettura kontemporanja li tgħaqqad b’mod ċar il-funzjoni mal-forma, l-effiċjenza mal-ġmiel, l-utilità prattika mal-valuri estetiċi – valuri li jinkludu l-proporzjon, l-armonija, l-eleganza, l-użu tal-materjal u l-għażla għaqlija tad-dwal u l-kuluri.”

 

Conrad Thake qal li l-arkitettura għandha l-kapaċita li taffi t-tbatija umana, li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u li l-mira prinċipali tkun dik li itejjeb il-kwalita tal-ħajja tal-komunita’ tagħna. Fit-28 ta’ Ottubru 1944, il-Prim Ministru Ingliż Winston Churchill, f’diskors fil-‘House of Commons’, kien stqarr: “We shape our buildings, and afterwards our buildings shape us”. Il-Professur Thake qal li “huwa veru minnu li aħna l-arkitetti ghandna d-dmir u obbligu morali lejn is-soċjeta li l-interventi u żviluppi godda għandhom ikollhom l-ghan li jtejbu il-kwalita’ tal-ambjent u l-mod kif ngħixu. F’dan il ktieb jien xtaqt niċċelebra l-isforzi kreattivi ta’ xi whud mill-kollegi tiegħi li ghamlu l-almu taghhom, xi kultant anki jaqdfu kontra l-kurrent, sabiex bil-proġett tagħhom joħolqu ambjent aħjar u li jaghti kontribut, żgħir kemm hu żgħir sabiex tittejjeb ‘il-kwalita tal-ħajja.’
L-Ispeaker Anġlu Farruigia f’diskors li għamel qal li m’hemmx dubju, li l-bini huwa storja fih innifsu għaliex huwa indikatur ċar tal-ħtiġijiet tal-bniedem tul iż-żmien, kemm jekk dawn huma ta’ natura ambjentali, istituzzjonali, difiża, ekonomika, kulturali, u soċjali. Hu kompla jgħid li nistgħu nqisu kull forma ta’ arkitettura bħala wirt li turi tassew min aħna kemm bħala individwi u wisq aktar bħala ġens, poplu u nazzjon. L-arkitettura hi turija tad-drawwiet ta’ poplu fl-imgħoddi, ħajjitna llum u l-ħsibijietna għal ġejjieni.

Cont1

cont2

Cont3

Aktar Ritratti