Blog

Imniedi l-ktieb “Iċ-Ċirasa, praspar u avventuri”

This slideshow requires JavaScript.

“Iċ-Ċirasa, praspar u avventuri” miktub mill-membru parlamentari Mario Galea ġie mniedi waqt attivita’ li saret fil-Parlament taħt il-Patroċinju tal-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.

Il-ktieb “Iċ-Ċirasa, praspar u avventuri” fih aktar minn 160 storja umoristika li ġrat lil diversi deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati u lill-awtur innifsu. Mario Galea jikxef għawar sħabu l-politiċi. Jikxef dak li ħafna drabi l-politiċi jippreferu li jħalluh mistur.

Il-ktieb jinkludi praspar u avventuri fejn il-politiċi jagħmlu żelqiet, jidħlu għal gaffes, jiġu f’sitwazzjonijiet imbarrazzanti u jdaħqu lin-nies bihom bla ma jkunu jridu.

Il-ktieb fih ukoll praspar li l-membri parlamentari jagħmlu lil xulxin meta jkunu ‘l bogħod mill-cameras u mill-attenzjoni tal-pubbliku.

F’diskors li għamel, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li fl-aħħar sentejn u nofs ippresieda tliet attivitajiet b’rabta ma’ kotba li jinvolvu lil politiċi. Hu qal li b’hekk qed jibgħat messaġġ ċar li l-Parlament hu wieħed ħaj u miftuħ għall-poplu.

Trevor Żahra min-naħa tiegħu qal li f’dan il-ktieb hemm politiku li mhux qed iġib ruħu ta’ politiku. Jeħtieġ li jkun hemm aktar nies, fi professjonijiet u f’karrieri differenti, li jagħmlu dawn l-għażliet, fejn fost l-oħrajn l-avukati ma jkunux avukati; is-saċerdoti ma jkunux saċerdoti, sostna Trevor Żahra.

Gordon Pisani, direttur ta’ Kite Group qal li fi żmien fejn il-politika qed issir dejjem aktar sofistikata, fejn il-politiċi jqisu kull kelma li jgħidu u fejn jagħtu kas ta’ kull dettal ta’ kif jidhru u kif jarawhom in-nies, f’dan il-ktieb Mario Galea jwarrab dan kollu. L-awtur qed jagħti perspettiva mhux tas-soltu: il-lingwaġġ li jużaw il-politiċi, kif jitkellmu, l-imġieba, l-ispontanjeta’, il-ħsieb leġġer, u l-mod kif iġibu ruħhom bejniethom.

Id-deputat Mario Galea qal li “Iċ-Ċirasa” hu vjaġġ li permezz tiegħu irid li jnissel tbissima fin-nies billi jaraw laqta’ differenti tal-politiċi u tal-politika Maltija. Hu qal li f’dan il-ktieb ma qagħadx jiċċensura lilu nnifsu jew lil sħabu, u kiteb ir-realta’ tal-politika ta’ kif tiġri fil-kuriduri tal-Parlament, fil-gruppi parlamentari, fil-house visits u anki waqt safar ta’ delegazzjonijiet parlamentari.

Mario Galea se jkun qiegħed jiffirma kopji tal-kotba waqt il-Festival tal-Ktieb nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru, fis-7.00pm f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt.

No Comment

Post A Comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.