Imniedi l-ktieb “L-Istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Waqt attivita’ karatterizata minn kant, allegrija tat-tfal u kuluri ġie mniehdi l-ktieb L-Istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu II.  Il-ktieb tnieda mill-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Pawlu Cremona li qal li l-qdusija persuna tista’ takkwistaha billi tħobb lil Alla u lil dawk ta’ madwaru.  Hu qal li kulħadd għandu jżomm quddiem għajnejh it-tagħlim ta’ Ġesu.

 

Mistoqsi dwar kif sar jaf li se jsir Arċisqof, Monsinjur Pawlu Cremona qasam l-esperjenza tiegħu mat-tfal dwar kif ġie magħżul sabiex imexxi l-Arċidjocesi ta’ Malta. Hu li kollox seħħ f’ġurnata meta kien qed iservi bħala kappillan tal-paroċċa tan-Nazzarenu, tas-Sliema. Darba minnhom kien għadu kif daħal fil-kunvent metaġie jilqgħu wieħed mil-patrijiet sabiex jgħidlu li n-Nunzju Appostoliku kien ċempel sabiex ikellmu. Immedjatament hu ċempillu fejn tah ħin sabiex ikellmu dakinhar stess filghaxija.

 

Meta ltaqa miegħu, in-Nunzju fi ftit ħin  kien żvelalu li l-Qdusija Tiegħu l-Papa kien għażlu sabiex jieħu t-tmexxija tal-Arcidjocesi ta’ Malta. Patri Pawl talbu erbgħa u għoxrin siegħa sabiex jieħu parir mid-direttur spiritwali tiegħu. In-Nunzju wieġeb lura: Lill-Papa tgħidlu le? Kien hawn li Patri Pawl aċċetta n-nomina tal-Papa.

 

L-Arċisqof qal li, it-tfal permezz tal-ktieb se jsiru jafu aktar dwar ħajjet Papa Ġwanni Pawlu II.

 

Il-ktieb miktub minn Frank Zammit u addattat għat-tfal minn Rita Saliba ikopri l-ħajja kollha tal-Papa, mit-twelid sal-mirakli li saru bl-interċessjoni tiegħu.  Il-ktieb fih illustrazzjonijiet oriġinali ta’ David Schembri.  Minbarra l-istorja, il-ktieb jinkludi wkoll diversi riflessjonijiet ta’ Kardinali li ħadmu viċin il-Papa Ġwanni Pawlu II.  L-Istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu II hu pubblikazzjoni ta’ Kite Group u jinsab għall-bejgħ f’edizzjoni bil-Malti jew bl-Ingliż.

 

Waqt it-tnedija tal-ktieb li saret fl-Iskola St. Dorothy’s Ħaż-Żebbuġ attendew tfal minn diversi skejjel.  Ħa sehem ukoll fit-tnedija tal-ktieb Gianluca Bezzina li kanta diversi diski.

 

1r-w640 2r-w640 3-w640 DSC_7573-w640 DSC_7712-w640 DSC_8143-w640 DSC_8178-w640 DSC_8263-w640 DSC_8468-w640 DSC_8775-w640